Service Type: Servizzi Oħrajn2

Eżami tal-Warrant

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jieħu ħsieb il-preparazzjoni u organizzazzjoni tal-eżami tal-warrants ta’ nutara li jsir kull sena u l-proċeduri sussegwenti li jwasslu għall-għotja tal-warrants. In-Nutar Prinċipali tal-Gvern huwa wkoll membru tal-Bord tal-Eżaminaturi.

L-Eżami tal-Warrant ta’ Nutar jinżamm f’Marzu ta’ kull sena skont l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili (Kap 55 tal-Liġijiet ta’ Malta). Jikkonsisti f’żewġ karti tal-eżami bil-miktub u eżami orali li jinżamm fi żmien xahrejn mid-data tal-aħħar eżami bil-miktub.

Kull applikazzjoni sabiex wieħed joqgħod għall-eżami tal-warrant ta’ nutar għandha tinkludi:

  1. Kopja tal-Karta tal-Identità;
  2. Kopja taċ-ċertifikat tat-twelid;
  3. Kopja tal-kondotta tal-pulizija;
  4. Kopja notarizzata tal-lawrja ta’ Duttur tal-Liġi (LL.D.) miksuba skont kif jipprovdu l-istatut, ir-regolamenti u l-bye laws tal-Universita` ta’ Malta, jew kwalunkwe kwalifika oħra f’livell ta’ Master’s li l-Ministru jista’ minn żmien għal żmien jirrikjedi (wara konsultazzjoni mas-Senat tal-Universita` ta’ Malta), jew lawrja oħra tal-istess xorti minn kwalunkwe awtorita` kompetenti oħra skont il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki wara li jkun studja l-liġi f’Malta jew f’xi Pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea ai termini tal-Artiklu 6 (1)(c) tal-Kap. 55;
  5. Il-kandidat prospettiv huwa meħtieġ li jagħmel il-perijodu ta’ prattika qabel id-data ta’ meta jsir l-eżami kif stipulat fl-Artiklu 6 (1)(d) tal-Kap. 55. F’dan ir-rigward il-kandidati għandhom jissottomettu rikonoxximent mill-Kunsill Nutarili kif ukoll ittra min-nutar li tikkonferma s-snin ta’ prattika meħtieġa.

Applikazzjonijiet minn kandidati prospettivi li jixtiequ joqogħdu għal dan l-eżami, li għandhom jikkonsistu f’ittra ta’akkumpanjament u d-dokumenti fuq imsemmija, għandhom jiġu indirizzati lill-Ministru responsabbli għal affarijiet nutarili u għandhom jintbagħtu lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern, 2/3. Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt VLT 1310, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

Servizz lill-Klijenti

Għoti ta’ servizz lill-membri tal-pubbliku, inkluż il-professjonisti fis-settur legali, sabiex ikunu jistgħu jispezzjonaw kwalunkwe att pubbliku mis-seklu ħmistax sa issa u kif ukoll il-fakulta li jordnaw kopji ta’ dawn il-kuntratti;

Jekk tixtieq issib att jew testment, biex tarah jew biex tordna kopja tiegħu, ikollna bżonn l-informazzjoni li ġejja: l-isem tan-nutar, id-data tal-att jew testment, ix-xorta ta’ att (eż. bejgħ, emfitewsi, diviżjoni, eċċ) u l-partijiet li dehru fuq l-att jew testment. F’każ ta’ testment, ikollna bżonn in-numru tal-karta tal-identita’ tat-testatur li jkun miet, u fejn ma jistax jiġi vverifikat li t-testatur miet ikollna bżonn kopja ta’ ċertifikat tal-mewt, It-testatur/testatriċi, jew persuna awtorizzata minnu jew minnha, jistgħu jiflu t-testment jew jitolbu kopja tiegħu, basta tintwera l-karta tal-identita` hekk kif tiġi mitluba jew bil-preżentazzjoni ta’ prokura speċjali.

X’nistennew mingħandek

Tista’ tgħinna nipprovdu servizz aħjar billi:

  • tgħaddilna l-informazzjoni meħtieġa meta tkun qed tuża s-servizzi tal-Arkivji kif hemm imsemmi aktar ’il fuq;
  • tkun ċert li l-informazzjoni mitluba tgħaddihielna b’mod preċiż u fil-pront;
  • tinfurmana minnufih jekk ikollok xi diffikultajiet bis-servizz li nagħtuk, sabiex aħna nkunu nistgħu nirranġaw is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun;
  • taġixxi b’mod edukat mal-membri tal-istaff tagħna;
  • tosserva r-regoli tal-Arkivji, bħal pereżempju li ma tpejjipx fil-post, ma tħażżiżx fuq volumi u ma tikkawżax ħsara lil dokumenti tal-Uffiċċju.