L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jieħu ħsieb il-preparazzjoni u organizzazzjoni tal-eżami tal-warrants ta’ nutara li jsir kull sena u l-proċeduri sussegwenti li jwasslu għall-għotja tal-warrants. In-Nutar Prinċipali tal-Gvern huwa wkoll membru tal-Bord tal-Eżaminaturi.
L-Eżami tal-Warrant ta’ Nutar jinżamm f’Marzu ta’ kull sena skont l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili (Kap 55 tal-Liġijiet ta’ Malta). Jikkonsisti f’żewġ karti tal-eżami bil-miktub u eżami orali li jinżamm fi żmien xahrejn mid-data tal-aħħar eżami bil-miktub.
Kull applikazzjoni sabiex wieħed joqgħod għall-eżami tal-warrant ta’ nutar għandha tinkludi:
- Kopja tal-Karta tal-Identità;
- Kopja taċ-ċertifikat tat-twelid;
- Kopja tal-kondotta tal-pulizija;
- Kopja notarizzata tal-lawrja ta’ Duttur tal-Liġi (LL.D.) miksuba skont kif jipprovdu l-istatut, ir-regolamenti u l-bye laws tal-Universita` ta’ Malta, jew kwalunkwe kwalifika oħra f’livell ta’ Master’s li l-Ministru jista’ minn żmien għal żmien jirrikjedi (wara konsultazzjoni mas-Senat tal-Universita` ta’ Malta), jew lawrja oħra tal-istess xorti minn kwalunkwe awtorita` kompetenti oħra skont il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki wara li jkun studja l-liġi f’Malta jew f’xi Pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea ai termini tal-Artiklu 6 (1)(c) tal-Kap. 55;
- Il-kandidat prospettiv huwa meħtieġ li jagħmel il-perijodu ta’ prattika qabel id-data ta’ meta jsir l-eżami kif stipulat fl-Artiklu 6 (1)(d) tal-Kap. 55. F’dan ir-rigward il-kandidati għandhom jissottomettu rikonoxximent mill-Kunsill Nutarili kif ukoll ittra min-nutar li tikkonferma s-snin ta’ prattika meħtieġa.
Applikazzjonijiet minn kandidati prospettivi li jixtiequ joqogħdu għal dan l-eżami, li għandhom jikkonsistu f’ittra ta’akkumpanjament u d-dokumenti fuq imsemmija, għandhom jiġu indirizzati lill-Ministru responsabbli għal affarijiet nutarili u għandhom jintbagħtu lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern, 2/3. Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt VLT 1310, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.