Biex tordna u tixtri att jew testment, jekk jogħġbok ikklikkja hawn. Għandek tirċievi SMS u email li jkun fihom ir-referenza tal-ordni tiegħek.
L-ordni tiegħek tiġi stampata mill-impjegati tal-Front Office fejn tiġi indiċjata, jiġifieri l-post tal-volum jinstab minn database interna. Il-volum jiġi maqlugħ mill-arkivji u jgħaddi għat-taqsima tat-tfittxija, fejn l-att ordnat jinstab permezz tad-dettalji pprovduti. Huwa importanti li d-dettalji pprovduti jinkludu l-isem tan-Nutar, id-data tal-kuntratt jew it-testment ordnat, u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali bħall-isem u l-kunjom tal-partijiet, it-testaturi, jew l-indirizz tal-proprjetà.
Ladarba jkun misjub l-att jew it-testment, il-volum jgħaddi għat-taqsima tal-iskenjar flimkien mal-ordni. Il-kuntratt jew testment jiġi skenjat permezz ta’ overhead scanners moderni mixtrija apposta biex titnaqqas il-ħsara fuq il-volumi misjuba fl-arkivji. Ladarba jkun ġie skenjat, il-volum jiġi mqiegħed mill-ġdid fil-post oriġinali tiegħu filwaqt li l-ordni tgħaddi għand it-taqsima tal-ikkatalogar. Din it-taqsima tieħu ħsieb li tipprepara l-isken biex jittella’ onlajn. Dan il-proċess jirrikjedi li l-katalogatur jagħmel il-cropping tal-paġni jekk ikun meħtieġ, u jaqsam il-kuntratt f’partijiet differenti (jiġifieri f’Kuntratt, Dokumenti Mehmuża, Pjanijiet u Dokumenti tat-Taxxa). Ladarba jkun lest, l-informazzjoni tal-kuntratt jew tat-testment tiddaħħal fis-sistema u d-dokument jittella’ fuq notarialacts.gov.mt, fejn ikun disponibbli fi ftit sigħat. Malli dan iseħħ, tiġi infurmat permezz ta’ SMS u email li l-ordni tiegħek hija lesta.
Ħlasijiet
Il-ħlasijiet għal servizzi mogħtija mill-Arkivji Nutarili huma kif ġej:
- Fotokopji legali (awtentikati): €1.20 kull paġna
- Fotokopji informali: €0.70 kull paġna
- Spezzjonijiet ta’ atti nutarili: €0.60 kull att
- Fotokopji mitluba mir-riċerkaturi: €0.10 kull paġna (wara li jippreżenta l-awtorizzazzjoni rikjesta skont il-liġi)