Servizzi

Servizzi

Assistenza lil Ministeri, Dipartimenti u Aġenziji tal-Gvern

Abbozzar u pubblikazzjoni ta’ atti Nutarili, u skritturi privati li fihom ikun parti l-Gvern jew xi korp imwaqqaf b’liġi;

Preservazzjoni tal-Atti Nutarili

Meta l-Atti Nutarili jinġabru dawn jiġu maħżuna fl-Arkivju bl-aħjar mod possibbli. Tingħata attenzjoni sħiħa għal manutenzjoni ta’ dawn il-volumi. L-Arkivju Nutarili Prinċipali għaddej bi pjan ħolistiku sabiex fis-snin li ġejjin il-volumi jingħataw trattament ta’ disinfestazzjoni u jidħol il-kunċett li l-volumi jiġu viżitati kemm jista jkun onlajn u mhux fiżikament.

Ġbir ta’ Kuntratti u Testmenti minn Nutara kollha ta’ Malta u Għawdex

Wara li l-kuntratti u testmenti jiġu riveduti mir-Reviżuri (skont il-Kap.55 tal-Liġijiet ta’ Malta), dawn jiġu miġbura u organizzati fl-Arkivju Nutarili Prinċipali.

Revoka ta’ Prokuri Speċjali bejn Persuni rigward Trasferiment ta’ Propjeta’ Immobbli biss

Prokura tista’ tiġi revokata billi timtela l-formola mehmuża u tiġi mgħoddija lill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. M’hemmx bżonn li jiġu notifikati l-banek kummerċjali u n-nutara kollha ta’ Malta u Għawdex, peress li l-applikazzjoni tiġi mtella’ onlajn fl-istess ġurnata meta tiġi sottomessa. Għandha titħallas €50 għal kull applikazzjoni sottomessa.

Revoka ta’ Prokuri Ġenerali bejn Persuni

Prokura tista’ tiġi revokata billi timtela l-formola mehmuża u tiġi mgħoddija lill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern. M’hemmx bżonn li jiġu notifikati l-banek kummerċjali u n-nutara kollha ta’ Malta u Għawdex, peress illi l-applikazzjoni tiġi mtella’ onlajn fl-istess ġurnata meta tiġi sottomessa. Jitħallsu €50 għal kull applikazzjoni sottomessa.

Fittex fir-Revoka ta’ Prokura

Avviz Importanti

*Tip ta’ Prokuri:

  • ​Ġenerali – Revoka tal-prokuri ġenerali kollha li jkunu ngħataw lil persuni.
  • ​Speċjali (Kollha) – Revoka tal-prokuri speċjali kollha li jkunu ngħataw lil persuni dwar proprjetà immobbli biss.
  • Speċjali (Speċifiku) – Revoka ta’ prokura speċjali waħda jew aktar bejn persuni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli biss.
  • Ġenerali u Speċjali (Ġ&S) – Revoka tal-prokuri ġenerali u speċjali kollha.

X’inhi d-differenza bejn prokura (POA) ġenerali u prokura speċjali?

Prokura ġenerali tagħti jeddijiet mifruxa lill-mandatarju. Il-mandatarju jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet mediċi, jagħmel għażliet legali u jieħu deċiżjonijiet finanzjarji u ta’ negozju. Prokura speċjali tillimita l-għażliet u deċiżjonijiet li jista’ jieħu l-mandatarju. Pereżempju, il-mandant jista’ sempliċiment jagħti awtorizzazzjoni sabiex tinbiegħ proprjeta` partikulari.  Din il-prokura speċjali tkun marbuta mat-trasferiment ta’ proprjeta` immobbli biss – minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala ‘Speċifika’. F’dan il-każ wieħed irid jipprovdi kopja tal-prokura speċjali li qiegħda tiġi mitmuma.

Għaldaqstant, jista’ jkollok għadd ta’ prokuri speċjali differenti, b’awtorizzazzjonijiet speċifiċi differenti u b’mandatarji differenti għal kull waħda. Wieħed jista’ għalhekk jittermina l-prokuri speċjali kollha li jirrigwardaw proprjeta` immobbli – minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala ‘Speċifiċi – Kollha’.

Aqra Iżjed

Fittex fl-Arkivji

Uża l-lista t’hawn taħt sabiex tara jekk it-testmenti u/jew inter vivos għal kwalunkwe sena speċifika jkunux ġew depożitati fl-Arkivji Nutarili.​

Ordna u Ixtri Atti / Testmenti Onlajn

Biex tordna u tixtri att jew testment, jekk jogħġbok ikklikkja hawn. Għandek tirċievi SMS u email li jkun fihom ir-referenza tal-ordni tiegħek.

L-ordni tiegħek tiġi stampata mill-impjegati tal-Front Office fejn tiġi indiċjata, jiġifieri l-post tal-volum jinstab minn database interna. Il-volum jiġi maqlugħ mill-arkivji u jgħaddi għat-taqsima tat-tfittxija, fejn l-att ordnat jinstab permezz tad-dettalji pprovduti. Huwa importanti li d-dettalji pprovduti jinkludu l-isem tan-Nutar, id-data tal-kuntratt jew it-testment ordnat, u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali bħall-isem u l-kunjom tal-partijiet, it-testaturi, jew l-indirizz tal-proprjetà.

Ladarba jkun misjub l-att jew it-testment, il-volum jgħaddi għat-taqsima tal-iskenjar flimkien mal-ordni. Il-kuntratt jew testment jiġi skenjat permezz ta’ overhead scanners moderni mixtrija apposta biex titnaqqas il-ħsara fuq il-volumi misjuba fl-arkivji. Ladarba jkun ġie skenjat, il-volum jiġi mqiegħed mill-ġdid fil-post oriġinali tiegħu filwaqt li l-ordni tgħaddi għand it-taqsima tal-ikkatalogar. Din it-taqsima tieħu ħsieb li tipprepara l-isken biex jittella’ onlajn. Dan il-proċess jirrikjedi li l-katalogatur jagħmel il-cropping tal-paġni jekk ikun meħtieġ, u jaqsam il-kuntratt f’partijiet differenti (jiġifieri f’Kuntratt, Dokumenti Mehmuża, Pjanijiet u Dokumenti tat-Taxxa). Ladarba jkun lest, l-informazzjoni tal-kuntratt jew tat-testment tiddaħħal fis-sistema u d-dokument jittella’ fuq notarialacts.gov.mt, fejn ikun disponibbli fi ftit sigħat. Malli dan iseħħ, tiġi infurmat permezz ta’ SMS u email li l-ordni tiegħek hija lesta.

Ħlasijiet

Il-ħlasijiet għal servizzi mogħtija mill-Arkivji Nutarili huma kif ġej:

  • Fotokopji legali (awtentikati): €1.20 kull paġna
  • Fotokopji informali: €0.70 kull paġna
  • Spezzjonijiet ta’ atti nutarili: €0.60 kull att
  • Fotokopji mitluba mir-riċerkaturi: €0.10 kull paġna (wara li jippreżenta l-awtorizzazzjoni rikjesta skont il-liġi)

Simplifikazzjoni ta’ Proċessi u tnaqqis fil-Burokrazzija

Il-klijent jingħata servizz fil-ħin bi proċessi ssimplifati. L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern kien proattiv f’dan is-settur billi issimplifika l-proċess ta’ ordnijiet ta’ kuntratti permezz ta’ sistema onlajn, liema proċess irreduċa bi 80% ta’ nies li kienu jiġu fiżikament fl-Arkivju.

Promozzjoni Pubblika tal-Arkivju Nutarili Prinċipali

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jippromovi lill-Arkivju Nutarili b’partiċipazzjoni attiva għat-twettiq ta’ promozzjoni tal-Arkivji Nutarili ma’ entitajiet oħra f’dan is-settur inkluż l-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta.

Diġitilizzazzjoni tal-Atti Nutarili

Il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-atti Nutarili beda fis-sena 2019, u l-ħsieb hu li l-Arkivju Nutarili Prinċipali jkollu l-Atti kollha onlajn.

Restawr tal-Volumi

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern huwa kommess li jingaġġa nies mħarrġa professjonalment fis-settur tar-restawr tal-karta sabiex jiġu rrestorati il-volumi nutarili antiki u kif ukoll it-tiswija jew rilegar ta’ volumi oħrajn skont kif ikun meħtieġ minn żmien għal żmien;

Nutar Konservatur

In-Nutar Prinċipali tal-Gvern jaġixxi bil-liġi bħala Nutar Konservatur għal dawk in-Nutara li jkunu ġew nieqsa, jew li rrinunzjaw għall-warrant, jew ġew miżmuma milli jipprattikaw il-professjoni Nutarili.

Lista Aġġornata tan-Nutara

Kull sena l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jaġġorna l-lista ta’ nutara f’Malta u Għawdex, liema lista tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern  Lista Tan-Nutara​ u Konservaturi, li wieħed jistà jara fil-pubblikazzjonijiet ta’ din il-websajt;

Eżami tal-Warrant

L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jieħu ħsieb il-preparazzjoni u organizzazzjoni tal-eżami tal-warrants ta’ nutara li jsir kull sena u l-proċeduri sussegwenti li jwasslu għall-għotja tal-warrants. In-Nutar Prinċipali tal-Gvern huwa wkoll membru tal-Bord tal-Eżaminaturi.

L-Eżami tal-Warrant ta’ Nutar jinżamm f’Marzu ta’ kull sena skont l-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili (Kap 55 tal-Liġijiet ta’ Malta). Jikkonsisti f’żewġ karti tal-eżami bil-miktub u eżami orali li jinżamm fi żmien xahrejn mid-data tal-aħħar eżami bil-miktub.

Kull applikazzjoni sabiex wieħed joqgħod għall-eżami tal-warrant ta’ nutar għandha tinkludi:

  1. Kopja tal-Karta tal-Identità;
  2. Kopja taċ-ċertifikat tat-twelid;
  3. Kopja tal-kondotta tal-pulizija;
  4. Kopja notarizzata tal-lawrja ta’ Duttur tal-Liġi (LL.D.) miksuba skont kif jipprovdu l-istatut, ir-regolamenti u l-bye laws tal-Universita` ta’ Malta, jew kwalunkwe kwalifika oħra f’livell ta’ Master’s li l-Ministru jista’ minn żmien għal żmien jirrikjedi (wara konsultazzjoni mas-Senat tal-Universita` ta’ Malta), jew lawrja oħra tal-istess xorti minn kwalunkwe awtorita` kompetenti oħra skont il-prinċipji dwar rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki wara li jkun studja l-liġi f’Malta jew f’xi Pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea ai termini tal-Artiklu 6(c) tal-Kap. 55;
  5. Il-kandidat prospettiv huwa meħtieġ li jagħmel il-perijodu ta’ prattika qabel id-data ta’ meta jsir l-eżami kif stipulat fl-Artiklu 6(d) tal-Kap. 55.

Applikazzjonijiet minn kandidati prospettivi li jixtiequ joqogħdu għal dan l-eżami, li għandhom jikkonsistu f’ittra ta’akkumpanjament u d-dokumenti fuq imsemmija, għandhom jiġu indirizzati lill-Ministru responsabbli għal affarijiet nutarili u għandhom jintbagħtu lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern, 2/3. Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt VLT 1310, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

Reviżjoni ta’ Atti Nutarili

B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nutarili, l-Atti kollha tan-Nutara fuq bażi annwali jiġu reviduti minn tim ta’ reviżuri sabiex jiġi aċċertat li l-kuntratti kollha huma in konformi mal-liġi u li l-kuntratti ġew irreġistrati skont il-liġi.

Riċerka

Jeżisti servizz lil persuni li jkunu qegħdin jagħmlu riċerka  għal skopijiet purament storiċi, letterarji jew xjentifiċi. Dawn il-persuni għandhom jissottomettu applikazzjoni għal dan il-għan. Meta tingħata l-approvazzjoni minn Nutar Prinċipali tal-Gvern, u dejjem jekk ikunu ġew osservati kundizzjonijiet oħrajn, ir-riċerkaturi inkwistjoni jiġu eżentati mill-ħlas ta’ drittijiet li normalment jintalbu sabiex wieħed ikun jista’ jara atti nutarili. Huma jgawdu wkoll minn rati ta’ ħlas imnaqqsa għal servizzi ta’ fotokopjar mogħtija mid-Dipartiment.  Riċerkaturi u studjużi jingħataw aċċess għal numru ta’ volumi b’sistema ta’ appuntamenti privati.

Servizz lill-Klijenti

Għoti ta’ servizz lill-membri tal-pubbliku, inkluż il-professjonisti fis-settur legali, sabiex ikunu jistgħu jispezzjonaw kwalunkwe att pubbliku mis-seklu ħmistax sa issa u kif ukoll il-fakulta li jordnaw kopji ta’ dawn il-kuntratti;

Jekk tixtieq issib att jew testment, biex tarah jew biex tordna kopja tiegħu, ikollna bżonn l-informazzjoni li ġejja: l-isem tan-nutar, id-data tal-att jew testment, ix-xorta ta’ att (eż. bejgħ, emfitewsi, diviżjoni, eċċ) u l-partijiet li dehru fuq l-att jew testment. F’każ ta’ testment, ikollna bżonn in-numru tal-karta tal-identita’ tat-testatur li jkun miet, u fejn ma jistax jiġi vverifikat li t-testatur miet ikollna bżonn kopja ta’ ċertifikat tal-mewt, It-testatur/testatriċi, jew persuna awtorizzata minnu jew minnha, jistgħu jiflu t-testment jew jitolbu kopja tiegħu, basta tintwera l-karta tal-identita` hekk kif tiġi mitluba jew bil-preżentazzjoni ta’ prokura speċjali.

X’nistennew mingħandek

Tista’ tgħinna nipprovdu servizz aħjar billi:

  • tgħaddilna l-informazzjoni meħtieġa meta tkun qed tuża s-servizzi tal-Arkivji kif hemm imsemmi aktar ’il fuq;
  • tkun ċert li l-informazzjoni mitluba tgħaddihielna b’mod preċiż u fil-pront;
  • tinfurmana minnufih jekk ikollok xi diffikultajiet bis-servizz li nagħtuk, sabiex aħna nkunu nistgħu nirranġaw is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun;
  • taġixxi b’mod edukat mal-membri tal-istaff tagħna;
  • tosserva r-regoli tal-Arkivji, bħal pereżempju li ma tpejjipx fil-post, ma tħażżiżx fuq volumi u ma tikkawżax ħsara lil dokumenti tal-Uffiċċju.

Maniġjar tal-Atti Nutarili

Hekk kif il-volumi tal-Atti Nutarili jiġu ddepożitati fl-Arkivjju Nutarili Prinċipali, dawn jiġu ndiċjati u mqegħda fi xkaffar addatat u f’ambjent addatat bil-miżuri kollha ta’ sigurta` meħtieġa sabiex jitħarsu minn danni kkawżati minn nar, serq jew ċirkostanzi oħra;