Storja

L-Arkivji Nutarili ta’ Malta ta’ Malta jinsabu ġewwa numru 2/3 Triq Mikiel Anton Vassalli, (magħrufa aktar qabel bħala Scots Street), il-Belt u numru 24 Triq San Kristofru, il-Belt. Tal-ewwel huwa l-arkivju prinċipali. Bħala punt ta’ interess, it-twaqqif tal-Archivio Notarile jirriżulta minn Att ta’ Fondazzjoni fil-Manuskritt Arch. 469 ff. 260r – 261r fil-Librerija Nazzjonali (b’rikonoxximent lejn Patri George Aquilina O.F.M. li ġentilment għaddielna din l-informazzjoni).

It-twaqqif tal-Arkivji Notarili u l-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern taħt kap wieħed ġie fis-seħħ nhar l-1 t’April 1922, meta n-Nutar Luigi Gauci ġie appuntat Nutar tal-Gvern u Konservatur tal-Arkivji Nutarili, u dak li dak iż-żmien kien id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku ma baqax aktar il-Konservatur. Aktar informazzjoni ta’ natura storika tista’ tinġabar mir-Rapport tan-Nutar tal-Gvern għas-snin 1945-’46. Dan ir-rapport sar min-Nutar Carmelo Farrugia u ġie pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta fis-suppliment numru XCV datat 17 ta’ Settembru, 1946. Minn dan ir-rapport joħroġ li sas-sena 1850 kien hemm żewġ ripożitorji tal-atti nutarili f’Malta, wieħed ġewwa Notabile (Mdina) u l-ieħor ġewwa l-Belt. Il-Proklama numru 1 ta’ dik is-sena għaddiet b’liġi l-Ordinanza II tal-1849 li tistabbilixxi li kellu jkun hemm biss ripożitorju wieħed ġewwa Malta, speċifikament gewwa l-Belt. Konsegwentement, ir-rekords ġewwa Notabile ġew trasferiti għas-sular ta’ fuq tal-Auberge d’Italie (li kienet tospita l-Mużew) ġewwa l-Belt filwaqt li r-rekords tar-ripożitorju l-antik ġewwa r-Reġistru Pubbliku ttieħdu wkoll fl-Auberge d’Italie.

F’Awwissu tal-1939, minħabba fil-biża’ li kienet se tfaqqa’ gwerra, ġie deċiż li jitneħħew ir-rekords orġinali kollha mis-sular ta’ fuq tal-Auberge d’Italie u jittieħdu f’postijiet aktar sikuri; xi wħud ġew trasferiti għas-sular ta’ taħt tal-Auberge d’Italie filwaqt li l-kumplament ġew maħżuna fis-sular ta’ taħt f’post fi Triq Sant’Andrija, il-Belt taħt id-dar nru 68 fi Triq Brittanja.

Fit-28 ta’ Frar 1941 id-dar ta’ fuq is-sular ta’ taħt fi Triq Sant’Andrija intlaqtet minn bomba u, billi ma nstab ebda sit alternattiv, il-kotba ġew imdeffsa mal-oħrajn fis-sular ta’ taħt tal-Auberge d’Italie. Eventwalment, meta ġie l-waqt, ir-Reġistri, jiġifieri l-kopji tal-atti oriġinali, tneħħew mis-sular ta’ fuq tal-Berġa u tqiegħdu f’żewġt ikmamar ġol-ħitan tas-swar tal-Imdina.

Fl-Appediċi A ta’ rapport ieħor għas-sena 1947-’48 jintqal dan li ġej: “Fis-7 t’April 1942, waqt il-ħbit ta’ waranofsinhar, is-sular ta’ taħt tal-Mużew safa mġarraf mill-għadu. Kif iddikjarajt fil-Memorandum to Government tal-21 ta’ Mejju 1942, jidher li l-bomba daħlet minn ġol-bitħa tal-Mużew, waslet sal-intrata, splodiet ġewwa s-sular ta’ taħt, qerdet għal kollox wieħed mil-ħitan riffieda tal-intrata flimkien mas-saqaf tas-sular ta’ taħt imma ma affettwatx is-saqaf tas-sular ta’ fuq. B’riżultat ta’ dan, il-volumi kollha li kien hemm fis-sular ta’ taħt sfaw midfuna taħt it-terrapien. L-għada t-8 t’April 1942 bdew il-ħidmiet ta’ salvataġġ. Fl-24 t’April waranofsinar, il-post reġa’ safa bbumbardjat u parti mis-saqaf tas-sular ta’ fuq flimkien ma’ parti mil-ħajt riffied ġew meqruda. B’hekk il-kwantita` ta’ terrapien fuq il-volumi kotor bil-kbir u l-ħidmiet ta’ salvataġġ saru aktar diffiċli.”.

Eventwalment l-Arkivji ġew trasferiti għall-binja nru 24, Triq San Kristofru, il-Belt, f’Diċembru tal-1945. Din il-binji ġiet żvujtata fis-sittinijiet, sakemm sarilha tisħiħ strutturali. Sadanittant, l-Arkivji ttieħdu parti fil-Monte di Pieta` u parti ġo dar ġewwa Strada Stretta, il-Belt.

L-eqdem rekords li jinsabu fl-Arkivji jmorru lura għall-ħmistax-il seklu. Sfortunatament jeżistu numru ta’ lacunae, dovuti bla dubju ta’ xejn għal dak li ġarrbu l-arkivji matul l-aħħar gwerra kif ukoll probabbilment għal ġrajjiet oħrajn ta’ sfortuna li setgħu ġraw fi żminijiet oħrajn ta’ taqlib fl-imgħoddi.